Services

Here you will find information regarding what services are provided by RISe Foundation.   Read More

Volunteers

Here you will find information on how one can become a volunteer of RISe Foundation   Read More

Donations

Here you will find information on how one can make a donation to RISe Foundation.   Read More


Dar Sister Marija Adele Baldacchino



L-“mamma” tal-priġunieri
Daniela Attard Bezzina | 07:52 | 17.06.2014


Issib min meta tkun qed toqroblu l-età tal-pensjoni jkollu seba' mitt sena biex jasal dak il-jum meta joħroġ mill-post tax-xogħol għall-aħħar darba ħalli qatt aktar ma jersaq 'l hemm. Imma mbagħad issib ukoll min tant ikun għal qalbu fuq ix-xogħol li, wara li jagħlaq l-età tal-irtirar, ikompli jagħmel l-istess xogħol b'mod volontarju. Dan huwa l-każ ta' Sor Marija Adele Baldacchino, magħrufa aħjar bħala Sister Adele, li ilha 22 sena taħdem mal-priġunieri fil-faċilità korrettiva ta' Kordin - l-aħħar għaxra minnhom bħala volontiera.

Sister Adele hija soru tal-karità ta' Santa Giovanna Antida. Sa 22 sena ilu kienet għalliema tal-kindergarten iżda mbagħad intalbet tmur taħdem il-ħabs. “Dik il-qabża swietli l-biki, swietli d-dmugħ,” qaltli s-soru, li llum tgħodd il-75 sena. “Mill-innoċenza tat-tfal żgħar, f'daqqa waħda sibt ruħi ma' nies li ma kellix idea kif għandi nġib ruħi magħhom. Lanqas il-lingwaġġ tagħhom ma kont nifhem! Bżajt li mhux se nidra. Imma għamilt ħilti u rrealizzajt li ridt inkun jien li nadatta ruħi għalihom, mhux huma jadattaw ruħhom għalija. Ħassejt li kelli nagħdirhom u nipprova nifhem xi jħoss bniedem li filli jkun fil-beraħ u fil-libertà - anzi libertinaġġ - u filli jsib ruħu maqful. Qatt ma ddispjaċieni li bqajt naħdem hemm, tant li meta għalaqt il-65 jien stess tlabt li nibqa' naħdem il-ħabs b'mod volontarju. Opra bħal dik ma tkunx tixtieq titlaqha minn idejk.”



Għal bosta snin Sister Adele ħadmet mal-priġunieri nisa. “Bil-mod il-mod bdejt nakkwista l-fiduċja tagħhom. Fija bdew jaraw xi ħadd li jistgħu jiftħu qalbhom miegħu, li jifhimhom u li jżomm ħalqu magħluq avolja mhux marbut bis-sigriet tal-qrar. Hemm ġew l-aktar ħaġa importanti hi li jkollok widna u li tkun lest li tisma'. Min jaf kemm sigħat qattajt nisma' biss, sakemm dak li jkun jisfoga billi jitkellem,” kompliet is-soru.

Maż-żmien hija rat in-numru ta' priġunieri jiżdied bil-kbir. “Fis-snin sittin kont qattajt xahrejn naħdem il-ħabs, għax is-sorijiet tagħna minn dejjem kienu jaħdmu hemm, Dak iż-żmien bilkemm kien hemm 70 priġunier. Illum hemm 640. Fit-taqsima tan-nisa wkoll kien hemm żieda. Fil-bidu niftakar bejn tlieta u sitt priġunieri nisa, imbagħad telgħu għal xi 17, u llum tant hemm li kellhom jinqasmu f'żewġ divisions.”

Sister Adele temmen ħafna fl-importanza li l-priġunieri jinżammu okkupati biex iħossuhom utli. Hi stess kienet tgħallem il-crochet lill-priġunieri nisa u llum qed jitgħallmu l-ħjata. “Hemm ġew hemm nies b'ħafna talent u min irid jimpenja ruħu bis-serjetà għandu l-opportunità li jkompli jitgħallem, anke akkademikament. Hemm min jaf ipitter, jiskolpixxi l-ġebla, jibni, jaħdem fl-elettriku, isajjar jew jaħdem l-injam.”

Tgħid li ma sabet l-ebda diffikultà meta ma baqgħetx taħdem mal-priġunieri nisa u bdiet taħdem mal-priġunieri rġiel. “Kienu diġà jafuni, għax jien nieħu ħsieb ukoll il-kappella tal-ħabs u wara l-quddiesa nagħmlilhom il-kafè u ntihom xi ħaġa tajba milli nkun lestejt, billi ninqala' biex nagħmel il-ħelu. Nara rispett kbir min-naħa tagħhom, tant li jsibuni bħala “il-mamma”. Ma nagħti kunfidenza lil ħadd, u jekk ikun hemm bżonn li ngħajjat għajta ma' xi ħadd ngħajjatha, imma jafu li nħobbhom u li nipprova ntaffilhom ftit mit-toqol tal-ħajja fil-ħabs.”

Staqsejtha jekk b'mod ġenerali l-priġunieri jaħsbux fil-vittmi tar-reati tagħhom. “Mill-esperjenza tiegħi, il-priġunieri huma konxji li barra l-ħabs għad hemm il-vittmi tagħhom jew il-qraba tal-vittmi. Fil-fatt ftit jiem ilu biss għadhom kemm taw somma flus lill-Victim Support Group minn dak li ġabru meta tellgħu l-attività 'Ċenaklu Ħaj' fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira. Hemm min jiddispjaċih ġenwinament ta' dak li għamel; hemm min le. Hemm min iħoss li s-soċjetà tħarislu bl-ikrah wisq, speċjalment meta joħroġ mill-ħabs u jibqa' bla xogħol minħabba l-passat tiegħu. Uħud mill-priġunieri trabbew fil-kriminalità u ma jafux ħajja oħra ħlief dik. Naf min ommu stess kienu tibagħtu jisraq għax ir-raġel ma kienx jagħtiha flus biex jieklu. Għalhekk għedtlek li jien irrid nadatta ruħi għalihom, u mhux huma għalija. Imma hemm min kellu trobbija tajba wkoll. Hu x'inhu l-każ, jibqa' l-fatt li hemm ġew hemm nies li għaddejjin minn tbatija kbira minħabba ċ-ċirkostanzi ta' ħajjithom. Hemm irġiel li miegħi ġieli bkew biki kbir minn dak li jġiblek qalbek ġunġliena. Quddiem dan l-uġigħ ma tistax tibqa' indifferenti. Id-dinjità tal-bniedem trid tagħtihielu, għamel x'għamel.”

Staqsejtha kinitx tkun tal-istess fehma kieku hi stess, jew xi ħadd tal-familja, sfaw vittmi ta' xi reat. Assiguratni li fil-familja tagħha kien hemm min kien vittma tal-kriminalità. “Biżżejjed ngħidlek li ffrodaw lin-neputi, il-mara ta' ħija daħlulha u qallbulha kulm' hemm, u daħlulna wkoll fil-bungalow tas-sorijiet tal-karità. Imma xorta nħoss imħabba għall-priġunieri. Nistqarr li każijiet li jinvolvu t-tfal jixxukkjawni ħafna, imma jien ma nistaqsi lil ħadd għalfejn qiegħed hemm ġew jew kemm se jdum. Dik mhix affari tiegħi. U jien ċerta wkoll li fil-ħabs hemm min, biex ma jikxifx, qed jagħmel sentenza minflok ħaddieħor. Dawn in-nies juruk b'xi mod li l-atteġġjament tagħhom hu differenti minn ta' ħabsin oħra.”

Allura, kieku kellha s-setgħa, xi tbiddel hi biex il-ħabs jaqdi aħjar il-funzjoni li suppost għandu bħala post fejn bniedem jirriforma ruħu? “Jien nitkellem ta' omm,” qaltli. “Il-ħajja fil-ħabs m'għandhiex tkun dixxiplina biss. Id-dinjità tal-persuna, għamlet x'għamlet, trid tibqa' hemm. Bniedem li jidħol il-ħabs, il-libertà spiċċatlu imma d-dinjità tiegħu għadha hemm u trid tiġi rispettata. Idealment ukoll, il-priġunieri jkunu mifrudin skont ir-reati li jkunu għamlu u skont l-etajiet tagħhom, għax bħalissa hemm wisq taħlit. Imma l-ispazju hu limitat wisq bin-numru ta' priġunieri li hemm bħalissa.”

Jien inħoss li aħna, ilkoll kemm aħna, kulħadd hu bħal ħaddieħor. Kollha qegħdin fid-dinja u llum smajt b'dak imma għada nista' nkun jien. Tista' tiġik ħażina darba biss, u tispiċċa tqatta' snin il-ħabs. Lill-priġunieri nqishom bħala parti mill-familja tiegħi. Kieku kelli l-libertà, anke l-Milied ngħaddi magħhom. Daqshekk nirrispettahom.”